Mill-Parlament
Is-Sibt 10 ta’ Mejju ħadt il-ġurament bħala Membru Parlamentari fil-11-il Parlament mill-Indipendenza ‘l hawn.
Nistqarr li dan huwa wieħed mill-iktar jiem sbieħ ta’ ħajti, speċjalment fil-karriera politika tiegħi. Esperjenza ġdida, bla dubju, li ġġorr magħha responsabilta’ kbira lejn il-kostitwenti li għażluni biex nirrappreżentahom, lejn il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, u lejn il-pajjiż peress li se nagħti sehmi fl-ogħola istituzzjoni tal-pajjiż.
Jiena ġejt elett minn żewġ distretti u l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista għoġbu jagħżel li jien nċedi t-Tieni Distrett Elettorali. Dan ma jfissirx li jien mhux se nibqa’ nirrappreżenta lill-kostitwenti ta’ dan id-distrett. Jiena nwiegħed li se nibqa’ viċin u se nkun il-leħen tal-kostitwenti tat-Tieni Distrett l-istess kif se nkun qrib ma’ dawk ta’ l-Għaxar Distrett.
Jien ġejt elett minn żewġ distretti fejn il-Partit Laburista rnexxielu jirbaħ lura minngħand il-Partit Nazzjonalista żewġ siġġijiet Parlamentari. Sfortunatament dan ma kienx biżżejjed għaliex il-Parti Nazzjonalista xorta rebaħ l-elezzjoni b’maġġoranza żgħira ħafna u ngħata erba’ siġġijiet żejda, skond il-Kostitzzjoni ta’ Malta, biex ikun jista’ jiggverna.
Issa li ħadt posti fil-Parlament nwiegħed li se nagħti s-sehem sħiħ tiegħi biex l-Oppożizzjoni Laburita tkun waħda kostruttiva imma soda, tikkritika fejn hemm bżonn imma wkoll tipproponi ideat differenti. Ma rridux ninsew li l-Oppożizzjoni tal-lum tirrappreżenta kważi nofs l-elettorat Malti u li l-Gvern Nazzjonalista ma jgawdix l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta ta’ l-elettorat.
Jiena ntenni li l-“pairing” għandu jingħata biss jekk il-Gvern Nazzjonalista jkun lest li jagħti lura – mhux xi speaker li taparsi jidher rigal għall-Oppożizzjoni imma azzjonijiet konkreti biex tissaħħaħ id-demokrazija f’pajjiżna u li jassiguraw li l-aktar minn 140,000 li taw fiduċja lill-Partit Laburista, jkunu rappreżentati b’mod xieraq fil-pajjiz. Għalhekk, jekk irid il-“pairing”, il-Gvern irid jiggarantixxi, fost l-oħrajn, it-twaqqif ta’ “Whistleblower’s Act”, jirranġa l-iżbilanċ fix-xandir pubbliku, isir ftehim fuq kif jinħatru l-membri tal-bordijiet ta’ awtoritajiet u entitajiet governattivi u fuq il-finanzjament tal-Partiti u fuq kollox jagħti karigi ta’ importanza lil membri ta’ l-Oppożizzjoni fil-ħidma Parlamentari mingħajr kundizzjonijiet. Irid jassigura wkoll illi dawk li rebħu każi quddiem l-Ombudsman u quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Ingustizzji u baqgħu b’xejn, jingħataw dak li hu tagħhom bi dritt.
Spiċċa ż-żmien li l-Gvern Nazzjonalista jippretendi li l-Oppożizzjoni se tibqagħlu rasha baxxuta biex jgħaddi minn fuqha kif irid hu. B’Michael Falzon fil-Parlament dan mhux se jseħħ.
Print This Page









