Profil
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Michael Falzon, ilu jaħdem fil-Partit fuq bażi ċentrali sa mill-1992. Wara li kien ta sehemu fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Frar 1992, huwa waqqaf u mexxa b’mod mill-aktar professjonali l-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista għal ħdax-il sena sħaħ u fil-fatt, baqa’ jżomm il-kariga ta’ “Election Manager” sa l-2003.
Kien ukoll Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista mis-sena 1998 sas-sena 2003. Bħala Segretarju Internazzjonali huwa ta sehemu sabiex il-Partit Laburista kompla jsaħħaħ ir-rabtiet internazzjonali tiegħu.
Ħidma Politika
Tul il-karriera politika tiegħu, Michael Falzon attenda għadd ta’ konferenzi u kellu laqgħat ma’ politiċi ewlenin barranin, barra minn Malta. Ewlenin fosthom, ma’ l-ex Prim Ministru Ingliż Tony Blair, ma’ Massimo D’Alema, ex Prim Ministru ta’ l-Italja, mal-President tal-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej fil-Parlament Ewropew Martin Schulz, u oħrajn.
Dr Falzon ġie elett bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, f’Mejju 2003, kariga li baqa’ jokkupa sa’ Ġunju 2008.
Michael ikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali għall-ewwel darba f’Marzu 2008. 3,047 u 2,853 kostitwenti mit-Tieni u l-Għaxar distrett elettorali għoġobhom jagħtuħ l-ewwel għażla. B’hekk, flimkien mat-tim Laburista, Michael se jkun Deputat tal-Parlament Malti.
Familja
Huwa twieled f’familja tal-ħaddiema fis-16 ta’ Novembru 1961, iben Mosè u Carmela. Fi tfulitu kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jaqra fil-ħanut tal-grocer ta’ missieru. Huwa miżżewweġ lil Anna u għandu żewġt itfal, Martina u Nathaniel.
Edukazzjoni
L-ewwel snin ta’ l-iskola għaddiehom fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir, f’Tas-Sliema u fil-Belt; waqt li wara kompla jistudja s-“Sixth Form”, il-Belt Valletta. Daħal jaħdem mal-Bank of Valletta fl-1979, bħala Skrivan. Minn dejjem wera x-xewqa li jaqbad il-karriera ta’ Avukat u fl-1985 beda jistudja l-Liġi fl-Università ta’ Malta, minn fejn gradwa bħala Nutar fl-1989 u bħala Avukat fl-1991.
Bħala impjegat ta’ l-istess Bank kompla jistudja u kiseb ukoll iċ-ċertifikat ACIB – “Associate of the Chartered Institute of Bankers”. Baqa’ dejjem jaħdem ma’ l-istess Bank u llum jokkupa l-kariga ta’ Executive Head fl-Uffiċċju Legali ta’ l-istess Bank of Valletta.
Passatempi
Iħobb ħafna l-qari u hu dilettant kbir tal-festi Maltin, filwaqt li għandu għal qalbu wkoll dak kollu li hu Malti.
Print This Page









