L-Għaqda Piroteknika Maltija tirrispondi għall-istqarrija maħruġa mill-produtturi ta’ Xarabank
B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-producers ta’ Xarabank, jibqa’ l-fatt innegabbli illi minkejja li saru diversi attentati mis-segretarju ta’ l-Għaqda Piroteknika Maltija sabiex jikkonferma d-disponibilità ta’ l-Għaqda li tieħu sehem fil-programm ta’ Xarabank, baqgħet qatt ma ngħatat risposta lura lill-istess segretarju ta’ l-Għaqda.
Fil-ġurnata stess tar-recording is-segretarju ta’ l-Għaqda ċempel lill-Where’s Everybody? u staqsa għal Fabian Demicoli. Dan ġie mgħoti r-risposta li s-Sur Demicoli kien f’laqgħa u kellu jikkuntattja lura lis-Sur Theuma. Dan il-kuntatt baqa’ qatt ma sar.
Ma hix il-policy ta’ l-Għaqda u la tas-segretarju s-Sur Joe Theuma u lanqas tal-Konsulent Legali ta’ l-Għaqda Dr Michael Falzon, li joqgħodu jitkarrbu għal xi spazju fuq il-programm Xarabank.
Huma l-produtturi tal-programm, imtella’ fuq ix-xandir nazzjonali u mħallas mill-flus il-poplu Malti illi għandhom jassiguraw illi il-programmi mtella’ minnhom ikunu bilanċjati u miftuħin għal kulħadd.
Il-fatt, illi minkejja li tħallew diversi risposti għas-Sur Fabian Demicoli sabiex tiġi kkonfermata l-parteċipazzjoni ta’ l-Għaqda Piroteknika Maltija u dan baqa’ ma għamel qatt kuntatt lura, żgur li ma jurix nuqqas min-naħa ta’ l-Għaqda Piroteknika Maltija.
Id-dover ta’ l-Għaqda Piroteknika Maltija hu li tħares l-interessi tal-Pirotekniċi kollha Maltin. Min jaħseb li din se titkarrab għal xi attendenza fuq xi programm televiżiv, hu liema hu, huwa totalment żbaljat.
Il-fatt li xi membru/i ta’ l-Għaqda għandhom id-dettalji ta’ min hu nvolut fil-programm, bl-ebda mod ma jimplika li dawn l-istess membru/i se joqgħodu jitkarrbu lil xi ħadd.
Dawn huma l-fatti u l-Għaqda tqis din il-korrispondenza magħluqa. Kulħadd jiġġudika hu.
Dr Michael Falzon LL.D., A.C.I.B., M.P.,
Konsulent Legali
Għaqda Piroteknika Maltija
Print This Post









