L-Għaqda Piroteknika Maltija eskluża mill-produtturi ta’ Xarabank mill-programm dwar il-Festi, li se jixxandar illum
B’referenza għall-programm Xarabank li se jixxandar illum 6 ta’ Novembru 2009, u li se jitratta s-suġġett tal-festi, l-Għaqda Piroteknika Maltija tixtieq tesprimi s-sorpriża tagħha għall-fatt, illi ħadd mill-uffiċċjali tagħha ma ġie mistieden sabiex jipparteċipa fl-istess programm.
Meta wieħed iqis il-fatt innegabbli illi f’pajjiżna l-arti Piroteknika hija parti essenzjali u ntegrali mill-festi Maltin, tali aġir minn min itella’ l-programm Xarabank, jagħti lok għal ċertu tħassib.
Sinifikanti l-fatt, illi filwaqt illi fil-bidu kien sar avviċinament minn impjegat tal-Where’s Everybody? u ċioè Fabian Demicoli mas-segretarju ta’ l-istess Għaqda, sabiex l-istess Għaqda Piroteknika Maltija tieħu sehem fil-programm, jidher illi sussegwentement il-produtturi ta’ dan il-programm deherilhom illi kellhom jeskludu lill-Għaqda Piroteknika milli tieħu sehem.
Bħala fatt is-segretarju ta’ l-Għaqda Piroteknika Maltija ċempel aktar minn darba lill-Where’s Everybody? biex jikkonferma d-dispożizzjoni ta’ l-Għaqda Piroteknika biex tieħu sehem f’dan il-programm, saħansitra ċempel ukoll dakinhar stess illi ġie rrekordjat il-programm li se jixxandar illum. L-imsemmi Fabian Demicoli iżda baqa’ qatt ma ċempel lura lis-segretarju ta’ l-Għaqda Piroteknika Maltija.
Aġir bħal dan ma tantx jawgura tajjeb għall-programm miftuħ u bilanċjat kif għandu jkun programm fuq ix-xandir nazzjonali.
L-Għaqda Piroteknika Maltija tittama li ma hemm l-ebda aġenda oħra moħbija wara tali aġir.
Dr Michael Falzon LL.D., A.C.I.B., M.P.,
Konsulent Legali
Għaqda Piroteknika Maltija
Print This Post









