Stqarrija għall-Istampa maħruġa minn Dr Michael Falzon, Kelliem Ewlieni għall-Intern u s-Sigurtà
Gvern Nazzjonalista dgħajjef dwar l-immigrazzjoni Illegali
B’dak li seħħ fl-istituzzjonijiet Ewropej f’dawn l-aħħar jiem, kien prova oħra ta’ kemm il-Gvern Nazzjonalista huwa dgħajjef quddiem il-problema ta’ l-immigrazzjoni illegali u kemm ma hux kapaċi jħares l-interess nazzjonali ta’ pajjiżna.
Il-fatt illi l-Gvern Malti ma kienx kapaċi jivvota kontra r-regoli ġodda fir-rigward tal-Frontex, liema regoli jgħabbu l-piż kollu fuq il-pajjiż li jkun salva lill-immigranti llegali, juri għal darba oħra biċ-ċar kemm il-Gvern Nazzjonalista mhux kapaċi jieħu pożizzjonijiet determinati fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin.
Id-diskors kollu tal-Prim Ministru illi Malta tista’ ma tieħux sehem fl-operazzjonijiet tal-Frontex jekk ma jinbidlux dawn ir-regoli huwa biss kliem vojt. Il-Gvern Malti kellu l-opportunità li jivvota kontra dawn ir-regoli fil-Kunsill ta’ l-Ewropa, iżda dan m’għamlux għalkemm fi kliem l-istess Prim Ministru dawn ir-regoli jiżvantaġġjaw bil-kbir lil pajjiżna.
Għal kuntrarju l-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti ħadu pożizzjoni fl-aħjar interess ta’ pajjiżna u vvutaw kontra dawn ir-regoli.
Dik hi d-differenza essenzjali bejn il-Gvern Nazzjonalista li jparla ħafna u jagħmel ftit li xejn u l-Partit Laburista illi f’kull okkażjoni jpoġġi l-interess ta’ Malta, l-ewwel u qabel kollox.
Dr Michael Falzon LL.D., A.C.I.B., M.P.
Kelliem Ewlieni Laburista għall-Intern u s-Sigurtà
